L-investigazzjoni fuq l-inbid li Yorgen ta lil Muscat tindika ksur ta’ liġi

Aġġornat 04:40 PM

Read in English.

Il-Kummissarju għall-Istandards George Hyzler indika li aktarx hemm ksur ta’ liġi fl-investigazzjoni li għamel fuq ir-rigali li Yorgen Fenech, akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, ta lill-eks Prim Ministru Joseph Muscat.

Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu issa ntbagħtu lill-kumitat parlamentari relevanti minħabba li l-Kummissarju sab li l-allegazzjoni tidher li prima facie tkun saret kontra l-liġi jew minħabba li prima facie nkiser xi dmir statutorju jew etiku kif jitlob l-Att dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika. L-Artiklu 22 ikompli jgħid li dan japplika wkoll f’kull każ li l-Kummissarju jkun tal-fehma li l-allegazzjoni tkun twettqet xi setgħa diskrezzjonali b’mod li jikkostitwixxi abbuż ta’ poter.

Prof. Arnold Cassola, kandidat indipendenti, qal dan lill-midja peress li kien hu li talab lil Dr Hyzler sabiex jinvestiga fis-27 ta’ Diċembru, 2019.

Huwa kien qal lill-Kummissarju li għalkemm dan kien ikkonkluda li fil-festin li organizza Muscat fir-residenza tiegħu fil-Girgenti ma kienx hemm ksur ta’ etika, f’dan l-istess festin, Muscat ingħata tliet inbejjed tad-ditta Petrus li jiswew €5,800 mingħand Yorgen Fenech. Muscat dak iż-żmien kien Prim Ministru. Kien għadu ma ġiex żvelat l-irwol ta’ Fenech fl-assassinju, u huwa kien għadu Direttur tat-Tumas Group u kellu għadd ta’ ishma fi proġetti tal-Gvern.

Hyzler kien sostna li t-talba għal investigazzjoni dwar l-inbid mhix waħda frivola.

Ilbieraħ, l-Uffiċċju tal-Kummissarju tal-Istandards informa lil Prof. Cassola li l-Kummissarju għall-Istandards issottometta rapport dwar dan il-każ lill-Kumitat Permanenti tal-Kamra tad-Deputati dwar Standards fil-Ħajja Pubblika. Il-Kumitat għandu jikkunsidra r-rapport tal-Kummissarju skont l-artikoli 27 u 28 tal-Att dwar Standards fil-Ħajja Pubblika.

B’reazzjoni għal dan, Cassola kiteb lill-membri ta’ dan il-kumitat sabiex jippubblikaw il-kontenut ta’ dan ir-rapport, peress li skontu, il-Maltin għandhom dritt ikunu jafu x’ġie konkluż.

Il-Parlament ilaqqa’ l-Kumitat Permanenti b’mod urġenti

Il-Parlament mistenni jlaqqa’ l-Kumitat Permanenti għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika b’mod urġenti għada fis-2pm. Newsbook.com.mt jinsab infurmat li l-Kumitat se jitlaqqa’ b’mod urġenti biex jiddiskuti r-rapport mill-Kummissarju għall-Istandards George Hyzler.

L-aġenda, li diġà ġiet ippubblikata fuq is-sit elettroniku tal-Parlament, tinkludi l-approvazzjoni tal-minuti segwita minn diskussjoni dwar ir-rapport tal-investigazzjoni mill-Kummissarju għall-Istandards.

Il-Kumitat jitmexxa mill-Ispeaker Anġlu Farrugia.