Tintemm l-ewwel sena ta’ Dr Joseph Muscat bħala Prim Ministru

Illum tiġi fi tmiemha l-ewwel sena ta’ Dr Joseph Muscat bħala Prim Ministru ta’ Malta.
Bħal lum sena, il-poplu Malti ta mandat ta’ ħames snin lill-Partit Laburista biex jiggverna.
Fl-elezzjoni tad-9 ta’ Marzu tas-sena li għaddiet, il-Partit Laburista kiseb maġġoranza ta’ madwar 36,000 vot li ssarfu f’disa’ siġġijiet aktar fil-Parlament.
Dr Joseph Muscat wettaq diversi proposti li kienu mwegħda mill-Partit Laburista fil-manifest elettorali tal-istess partit.
L-akbar wegħda tal-Partit Laburista, dik tar-roħs ta’ 25% fit-tariffi tad-dawl u l-ilma, mistennija wkoll li tkun imwettqa matul dan ix-xahar.
Il-Gvern approva wkoll il-Whistle Blower Act, ħadem dwar l-abbozz ta’ liġi fir-rigward ta’ koppji tal-istess sess u ippreżenta l-liġi tal-finanzjament tal-partiti.
Saru child care centres bla ħlas kif ukoll żviluppi oħra fis-sistema edukattiva li jinkludu l-introduzzjoni ta’ subien u bniet imħallta fl-iskejjel sekondarji.
Il-Gvern ħa f’idejh it-trasport pubbliku mill-kumpanija Arriva, ħareġ sejħa ta’ interess għall-operaturi, bis-servizz ġdid ta’ trasport mistenni li jkun wieħed mill-miri ewlenin ta’ din is-sena.
Fost il-kontroversji f’dawn l-ewwel 365 jum ta’ ħidma tal-Gvern Laburista jibqgħu jissemmew id-diversi karigi li ngħataw, il-kwistjoni tal-immigranti rregolari f’Lulju li għadda u l-programm ta’ ċittadinanza b’investiment.