Tintemm il-viżta pastorali tal-Isqof Giovanni Cefai

Ritratti: knisja.mt/ritratti

Read in English.

Ilbieraħ intemmet il-viżta pastorali tal-Isqof Għawdxi fil-Perù Giovanni Cefai.

Fi stqarrija, l-Arċidjoċesi ta’ Malta qalet li lbieraħ saret Quddiesa Pontifikali kkonċelebrata mill-Arċisqof Charles Scicluna fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta.

L-Isqof, li nħatar isqof tal-Prelatura Territorjali l-ġdida ta’ Santiago Apóstol de Huancané fil-Perù iktar kmieni din is-sena, spjega kif din il-viżta se takkumpanjah għal ħafna żmien minħabba li ħass u għex l-imħabba tal-poplu Malti u Għawdxi.

Il-Quddiesa saret nhar il-festa ta’ Santa Rosa ta’ Lima, jum importanti ħafna għall-Perù, ċelebrat f’iktar minn 31 knisja dedikati lilha fil-Perù. L-Isqof Għawdxi spjega dwar kif din il-qaddisa għexet ħajja ta’ penitenza, karità u talb u offrielha l-episkopat tiegħu.

Intqal li temm l-omelija tiegħu billi rrakkonta awgurju li messlu qalbu u ruħu, li għamillu ħabib tiegħu, meta sar jaf bil-ħatra tiegħu bħala isqof fil-Perù: “Giovann wegħedni li qatt ma ssir isqof imma li l-isqof isir int, li l-isqof jidħol fik… Kemm hi ħaġa sabiħa li aħna ngħixu dak li aħna, dak li Alla jixtieq minna u allura fost affarijiet oħra hija l-imħabba, il-ħniena u l-umiltà.”

L-Isqof Giovanni Cefai f’Malta mill-Perù