Aġġornata: Il-Bendy Buses se jibqħu sospiżi mit-toroq

Il-Ministru Joe Mizzi informa lill-Arriva li l-‘bendy buses’ se jibqgħu sospiżi mit-toroq u, sadanittant, se jkun qed jistenna l-eżitu tal-inkjesta Maġisterjali.

Illum il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura ġie ppreżentat bir-rapport uffiċjali tal-kummissjoni ta’ esperti tekniċi li tqabbdu jinvestigaw l-inċidenti li seħħew riċentament fejn bendy buses tal-kumpanija Arriva ħadu n-nar.

Waqt laqgħa li aktar kmieni llum il-Ministru Joe Mizzi kellu mar-rappreżentanti tal-kumpanija Arriva, fil-preżenza taċ-Chairman ta’ Transport Malta James Piscopo, huwa għaddielhom ir-rapport uffiċjali tal-investigazzjoni.

Il-kumpanija Arriva ġiet mitluba biex tagħti r-reazzjoni tagħha fi żmien 48 siegħa.

Aktar kmieni, il-Ministru Mizzi qal li ma kienx se joqgħod lura milli jieħu deċiżjoni iebsa dwar il-futur tal-Arriva.