Tintemm il-ħidma ta’ ħruq ta’ gass fil-Mellieħa

CPD/MHAS

Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili temm il-ħidma tiegħu biex jinħaraq gass li ħareġ minn bowser tal-LPG Liquigas fil-Mellieħa, liema ħidma kienet ilha għaddejja mit-Tnejn filgħodu.

Sabiex setgħet issir din il-ħidma, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kellu jassigura li l-gass seta’ jinħaraq fl-arja b’mod sigur. Għaldaqstant, 3 familji ġew evakwati mir-residenzi tagħhom. F’din il-ħidma ntużaw diversi vetturi tat-tifi tan-nar kif ukoll numru ta’ bowsers privati, bl-ammont ta’ ilma użat ilaħħaq mal-150,000 litru.

Il-ħruġ tal-gass beda għall-ħabta tat-8am nhar it-Tnejn, iżda r-rapport daħal lill-Pulizija fis-2.30pm. Meta marru fi Triq il-Qasab li tinsab fiż-żona magħrufa bħal Santa Maria Estate, sabu erba’ trakkijiet tal-Protezzjoni Ċivili.

Il-bowser ittieħed lejn l-impjant tal-Liquigas sabiex issirlu t-tiswija neċessarja.

Fi stqarrija, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili rringrazzja lil kull min ta s-sehem tiegħu sabiex din il-ħidma setgħet tintemm b’wiċċ il-ġid, fosthom lill-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, lill-uffiċjali tal-korp tal-Pulizija, kif ukoll lit-tim mediku tal-ambulanza tal-Isptar Mater Dei tas-servizz provdut.