Tintefa’ ġebla lejn il-karozza ta’ Simon Busuttil

Tard ilbieraħ filgħaxija l-karozza tal-Kap tal-Oppożizzjoni kienet involuta f'inċident li fih intefgħet ġebla li laqtet il-karozza.
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li dak il-ħin il-karozza kienet qed tinstaq fi Triq Diċembru 13 fil-Marsa fid-direzzjoni tal-ajruport, biex tiġbor lill-Kap tal-Oppożizzjoni li kien se jasal lura minn Brussell fejn attenda għas-Summit tal-Partit Popolari Ewropew.
Ħadd ma weġġa' fl-inċident iżda sar rapport lill-Pulizija tal-Għassa tal-Ajruport. 
Il-windscreen tal-karozza nkisret u saret ħsara wkoll fis-saqaf tal-karozza.
Il-Partit Laburista, fi stqarrija, ikkundanna l-att li seħħ fuq il-vettura tal-Kap tal-Oppożizzjoni u qal li jkun tajjeb li jiġi stabbilit mingħajr dewmien x’ġara f’dan il-każ.
Fi stqarrija, l-iSpeaker tal-Kamra tad-Deputat Anġlu Farrugia jikkundanna l-aġir ta' min wettaq l-att vandalu fuq il-vettura tal-Kap tal-Oppożizzjoni, u qal li dan l-att seta' faċiliment wassal għal inċident ferm agħar fejn setgħu weġġgħu terzi persuni.
L-iSpeaker ħeġġeġ lil kull min b’xi mod għandu xi informazzjoni dwar dan il-każ sabiex jgħaddiha minnufih lill-Pulizija.
Anke l-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca kkundannat dak li sejħet "att irresponsabbli" u qalet li dan seta’ kellu konsegwenzi serji.