Read in English.
Mara ta’ 70 sena mietet wara li kienet f’diffikultà fil-baħar f’Wied il-Għajn.
Kelliem għall-Pulizija qal lil Newsbook.com.mt li r-rapport dwar l-inċident daħal għall-10.30am. Oriġinarjament ġew infurmati li kien hemm żewġ persuni f’diffikultà fil-bajja ta’ San Tumas. Però rriżulta li kien hemm biss persuna waħda li kellha bżonn l-assistenza.
Intalbet l-assistenza tal-helicopter tal-Forzi Armati ta’ Malta (AFM) minħabba l-inċident.
Il-mara ngħatat l-ewwel għajnuna fuq il-post, però ftit wara ġiet iċċertifikata mejta.
Uffiċjali tal-Pulizija, tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili (CPD), tim mediku, u tim tal-Għaqda tas-Salib l-Aħmar kienu fuq il-post.
Aktar tard fi stqarrija l-Pulizija qalet li l-vittma għandha 70 sena u li kienet toqgħod Ħaż-Żabbar. Hi kienet qed tgħum u ttelgħet l-art minn persuni li kienu fil-bajja.