Tintalab investigazzjoni fuq Keith Schembri u l-allegat influwenza fuq il-ġudikatura

Read in English.

Il-Professur Arnold Cassola kiteb lill-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja biex tinvestiga l-allegazzjoni tas-sensar Melvin Theuma dwar l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru.

Fix-xhieda tiegħu fil-Qorti, Theuma allega li Keith Schembri kellem lill-Imħallef Antonio Mizzi biex jirranġa l-ħelsien mill-arrest tal-akkużati bl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Fl-ittra lill-President George Vella, bħala ċ-Chairperson tal-Kummissjoni, il-Professur Cassola jagħmel referenza għall-Kodiċi ta’ Etika tal-Ġudikatura. Fiha jingħad li l-membri tal-ġudikatura ma jistgħux jiddiskutu kawżi pendenti barra l-Qorti. Jingħad ukoll li l-membri tal-ġudikatura jridu jinfurmaw lill-President u javżaw lill-Qorti bil-komunikazzjoni li jirċievu.

Cassola talab lill-Kummissjoni tinvestiga u biex tieħu l-miżuri li jidhrilha li huma adekwati.