Tintalab investigazzjoni dwar mistoqsijiet mhux imwieġba

Id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar talab lill-Ispeaker jinvestiga n-nuqqas ta' tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari minn ministri min-naħa tal-Gvern.
Huwa kien qed jitkellem waqt id-dibattitu dwar l-Abbozz ta’ Liġi li jimplimenta l-Miżuri tal-Estimi,
Waqt li kien qed jitkellem fuq is-servizz tal-Home Help, huwa nnota kif fl-aħħar ġimgħat, inkluż fis-seduta ta’ llum, il-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia ma weġibx numru ta’ mistoqsijiet parlamentari dwar dan is-servizz, iżda sempliċiment wieġeb li “l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f'seduta oħra”.
Fis-seduta ta’ llum, effettivament kien hemm żewġ mistoqsijiet dwar dan is-servizz li twieġbu bil-mod kif indikat: mistoqsija dwar it-twaqqif tas-servizz tal-Home Help lil numru ta’ anzjani fil-Belt u mistoqsija dwar it-trasferiment ta’ ħaddiema li kienu jagħtu s-servizz tagħhom fis-settur tal-Home Help u llum qed jaħdmu fiċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum.  Iż-żewġ mistoqsijiet saru fid-19 ta’ Jannar 2016 u għamlu riferenza għall-mistoqsija preċedenti bl-istess tema li saret fis-6 ta’ Jannar 2016.
Id-Deputat Nazzjonalista sostna li l-informazzjoni inkwistjoni faċilment hija aċċessibbli u allega li l-Ministru qiegħed jiddejjaq iwieġeb dawn il-mistoqsijiet.