Tintalab azzjoni dwar l-ispazju pubbliku li qed jieħdu l-ħwienet

Il-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar fi ħdan l-Uffiċċju tal-Ombudsman ta x’jifhem li m’hemmx kontrolli fil-mod kif qed jingħataw il-permessi biex ħwienet jużaw spazju pubbliku għall-imwejjed tagħhom barra l-ħanut.
Huwa talab li titwaqqaf task force sabiex tindirizza tliet inkonvenjenti li dawn qed joħolqu.
L-ewwelnett il-Kummissarju saqsa min qed joħroġ dawn il-permessi u hux qed jiġu kkunsidrati l-perikli maħluqa. Isemmi lil Transport Malta, l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, l-Awtorità tal-Artijiet u l-Awtorità tal-Ippjanar.
It-tieni aspett li tkellem dwaru fl-istqarrija huwa dak tal-iġjene. Irrimarka li m’hemmx regolamenti dwar l-esperjenza tal-klijent f’dawn il-postijiet barra mill-istabbilment, u għalhekk ġieli persuna tispiċċa tiġi servuta l-ikel meta ftit passi ’l bogħod hemm trakk jarmi d-duħħan.
Il-Kummissarju qal li kemm-il darba bagħat lid-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali, iżda qatt ma rċieva tweġiba.
Finalment isemmi wkoll l-istorbju li jiġi kkawżat mill-mużika li l-istabbilmenti jdoqqu barra mill-ħanut jew ristorant għal dawk li jieklu fuq barra. Dan joħloq inkonvenjent lir-residenti, lill-kunsill u lill-Pulizija, itemm jgħid l-Ombudsman.
Jisħaq li dawn huma wħud mill-problemi li dan l-iżvilupp mhux ikkontrollat qed joħloq.
Ritratt: Arkivji