Tinstab somma flus ġmielha f’sett ta’ televixin antik

Kanadiż ta’ 68 sena ħa s-sorpriża ta’ ħajtu meta l-awtoritajiet irritornawlu aktar minn $100,000 Kanadiż (€71,800) fi flus kontanti li kienu moħbija ġewwa sett ta’ televixin antik.
Il-flus instabu x-xahar li għadda minn impjegata li taħdem f’impjant tar-riċiklaġġ elettroniku fil-Kanada hekk kif it-televixin kien qed jiżżarma biex jiġi riċiklat.
Il-kumpanija tar-riċiklaġġ saħqet li malli sabet dik is-somma flus konsiderevoli kkuntattjat lill-pulizija b’mod immedjat.
Il-flus kienu moħbija f’kaxxa u magħhom kien hemm xi dokumenti; liema dokumenti ntużaw biex jiġi identifikat sid il-flus.
Hekk kif sid il-flus ġie kkuntattjat, saħaq li kien nesa għalkollox dwar il-flus moħbija fil-kaxxa meta kien ta t-televixin lil wieħed minn sħabu.
Kompla jgħid kif il-flus, li kien warrabhom madwar 30 sena ilu, kellu jgħaddihom b’wirt lil xi membri tal-familja tiegħu.
Filwaqt li l-kumpanija faħħret l-onestà tal-impjegata li sabet il-flus, stqarret kif kull impjegat mistenni li jagħmel l-istess.