Fir-Renju Unit ġiet skoperta droga li tista’ ssalva l-ħajjiet ta’ dawk morda bil-coronavirus.
Dan ġie rrappurtat mill-BBC, u l-ġurnal spjega li t-trattament tal-mediċina dexamethasone huwa aħbar tajba ħafna fil-ġlieda tad-dinja kontra l-pandemija tal-Covid-19.
Din id-droga qiegħda tintuża bħala parti mill-ikbar trattament ta’ ttestjar li jeżisti fid-dinja. Dan it-trattament issa qed jiġi applikat għall-coronavirus ukoll.
Is-CNN qal li dawn is-sejbiet huma preliminari u għadhom qegħdin jinġabru, fil-fatt għadhom ma ġewx ippubblikati fi studju.
Lill-pazjenti li jinsabu morda bil-coronavirus u qegħdin fuq il-ventilators, doża żgħira ta’ din il-mediċina għal għaxart ijiem naqqsitilhom ir-riskju li jmutu b’terz. Lil dawk li qed jingħataw l-ossiġnu naqqsitilhom ir-riskju b’20%.
Ir-riċerkaturi qalu li li kieku din id-droga ntużat fuq pazjenti fir-Renju Unit mill-bidu tal-pandemija, setgħu jissalvaw mal-5,000 persuna. Qed titqies ukoll li tista’ tkun ta’ għajnuna kbira lill-pazjenti f’pajjiżi fqar fejn hemm numri għoljin ta’ każijiet.
Il-Gvern Ingliż ħabbar li din il-mediċina issa se tkun disponibbli għall-pazjenti Ingliżi.