Tinstab kimika oħra fil-pilloli tal-pressjoni tal-valsartan

Regolaturi Ewropej u mill-Amerka ta’ Fuq sabu kimika oħra li tista’ twassal għall-kanċer fil-bnedmin fil-pilloli tal-pressjoni tal-valsartan.

Il-pilloli affettwati kienu ġejjin mill-kumpanija Ċiniża Zhejiang Huahai Pharmaceutical Co Ltd. Regolaturi fl-Unjoni Ewropea, fl-Istati Uniti, u fil-Kanada diġà kienu rtiraw il-pilloli mis-suq minħabba l-kimika NDMA li nstabet fihom li tista’ tikkaġuna l-kanċer.

L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) qalet li nstabet il-kimika NDEA fil-prodotti li ġew ipproduċuti qabel l-2012. Aġenzija Amerikana wkoll qalet li sabet din il-kimika fil-prodott li ġie rtirat.

F’Lulju, l-awtoritajiet tas-Saħħa Maltin kienu bdew il-proċess biex jinġiebu f’Malta mediċini tal-Valsartan minn kumpaniji alternattivi, dan għax instabet potenzjalment impurità mhux mistennija fl-ingredjent attiv immanifatturat fiċ-Ċina. L-Awtorità Maltija tal-Mediċini qalet li l-pazjenti li qed jieħdu l-pilloli tal-valsartan għandhom jirrikorru għand it-tabib tagħhom.