Tinstab kaxxa mimlija insetti ħajjin ġejja minn Sqallija

Instabet kaxxa mimlija insetti ħajjin li kienet se tidħol Malta minn Sqallija, skont id-Dwana.

Fi stqarrija d-Dipartiment tad-Dwana qal li interċetta annimali u insetti ħajjin li kienu se jidħlu Malta b’mod illegali f’vettura li kienet ġejja minn Sqallija.

Instabu żewġ brimb eżotiċi, sitt ifkieren, żrinġ, u kaxxa insetti. L-annimali ngħataw lill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA).

Id-Dwana interċettat ukoll €85,208 fi flus kontanti mhux dikjarati li kienu se jidħlu Malta. Dawn inġabru minn seba’ każijiet differenti. Dan ifisser li mill-aħħar kwart tal-2018 s’issa, it-taqsima ta’ kontra l-ħasil tal-flus tad-Dwana qabdet aktar minn €1.7 miljun fi flus mhux dikjarati.

Fl-aħħar jiem, id-Dwana interċettat ukoll passiġġier li kien qed iġorr fuqu l-marijuana u diversi joints. Il-passiġġier kien dieħel Malta fuq titjira li telqet minn Amsterdam.

Id-Dwana interċettat ukoll kartolina fil-posta li kien fiha sustanza illegali. Din ingħatat lill-Pulizija.