Tinstab ittra suspettuża qrib fejn seħħew l-isplużjonijiet f’Dortmund

Il-Pulizija Ġermaniża arrestat persuna b'rabtiet Iżlamiċi wara li għamlet tfittxija f'żewġt idjar b'rabta maż-żewġ splużjonijiet ta’ lbieraħ qrib il-lukanda fejn kien qed joqgħod it-tim tal-Borussia Dortmund.
Fit-tfittxija nstabet ittra li fiha hemm miktub li l-kittieb qed jassumi r-responsabbiltà taż-żewġ splużjonijiet.
Il-prosekutur li qed tinvestiga l-każ, qalet lill-ġurnalisti li għad trid tiġi vverifikata l-awtentiċità tal-ittra, li nstabet waqt l-investigazzjonijiet tal-Pulizija qrib fejn seħħew l-isplużjonijiet.
Sadanittant, l-awtoritajiet Ġermaniżi qed iżommu lura milli jgħidu li dan kien attakk terroristiku, billi għadu kmieni wisq.
Il-Kummissarju tal-Pulizija f’Dortmund iddeskriva l-attakk bħala wieħed immirat lejn it-tim tal-futbol.
Fl-inċident weġġa’ l-plejer tad-Dortmund, Marc Bartra, li ntlaqat mill-ħġieġ imtajjar għal fuqu.