Tinstab il-parti ewlenija tal-AirAsia

Instabet il-parti ewlenija tal-ajruplan tal-AirAsia, bit-tim ta’ tfittxija Indoneżjan qal li oġġett bl-istess daqs tal-parti ewlenija tal-ajruplan deher fuq il-monitors tat-tfittxija.
Uffiċċjali qed jittamaw li l-kaxxa s-sewda tkun qrib il-parti ewlenija tal-ajruplan, viċin fejn instab id-denb tal-ajruplan u li ttella’ mill-baħar ta’ Java fis-sigħat li għaddew.
Hu rrappurtat li tim ta’ għaddasa intbagħtu biex jinvestigaw iżda għal darb’oħra l-kundizzjonijiet ħżiena tat-temp qed jagħmluha aktar diffiċli.
It-titjira QZ 8501 tilfet il-kuntatt mar-radar nhar it-28 ta' Diċembru minħabba l-kundizzjonijiet ħżiena tat-temp, b’162 persuna abbord.
Intqal li hemm possibilità kbira li l-kaxxa s-sewda tinsab viċin il-fdalijiet misjuba hekk kif bir-recordings f’din il-kaxxa jista’ jsir magħruf x’ikkawża l-inċident.
Ta’ min jgħid li sa issa t-tfittxijiet imxew bil-mod ħafna u instabu biss 48 katavru.