Tinstab il-kannabis fi 3 karozzi f’Ħaż-Żabbar

Read in English.

Waqt kontroll tat-traffiku tal-Pulizija l-lejl li għadda f’Ħaż-Żabbar, instabet sustanza li hi suspettata li hi ħaxixa tal-kannabis fi tliet vetturi.

Fi stqarrija, il-Pulizija spjegat li tul il-lejl twaqqfu għadd ta’ karozzi peress li ġew innutati numru ta’ irregolaritajiet.

It-tliet vetturi fejn instabet il-kannabis kienu misjuqin minn mara ta’ 28 sena minn Ħaż-Żabbar, raġel ta’ 25 sena miż-Żejtun u żagħżugħ ta’ 18-il sena minn Ħaż-Żabbar. Iż-żagħżugħ kellu riekeb miegħu Żabbari ieħor ta’ 19-il sena. Fil-karozza nstabet ukoll sustanza suspettata li hi kokaina.

Raġel ieħor intalab jieqaf mill-pulizija, iżda pprova jsuq minn fuq il-post. Huwa rrifjuta jagħmel test tal-breathalyser. Sewwieqa ta’ vetturi oħra nqabdu jsuqu mingħajr liċenzja, u anke jsuqu taħt l-effett tal-alkoħol.

Il-Pulizija se toħroġ akkużi fil-konfront ta’ dawn il-persuni.

Fl-istess kontroll tat-traffiku, Spettur tal-Pulizija ndarab meta żagħżugħ li twaqqaf biex issirlu tfittxija fil-vettura beda jaġixxi b’mod aggressiv. Huwa mistenni jitressaq il-qorti fis-sigħat li ġejjin.