L-Enemalta qalet li nstabet evidenza li turi li l-interconnector bejn Malta u Sqallija nqata’ b’ankra.
Fuq Facebook l-Enemalta qalet li s-survey li għamel il-bastiment Polar King identifika l-punt fejn seħħet il-ħsara fil-cable tal-interconnector.
“L-ewwel indikazzjonijiet jikkonfermaw is-suspetti inizjali. Mill-filmati miġbuda hemm evidenza raġonevoli li l-cable inqata’ b’ ankra, bl-evidenza turi li l-ankra tkaxxkret f’qiegħ il-baħar, qalgħet il-cable mit-trinka, u sussegwentement qatgħatu.”
L-Enemalta qalet li se ssir analiżi tal-filmati biex jiġi stabbilit x’irid isir biex jibda l-proċess ta’ tiswija.
Malta hija l-agħar pajjiż fl-UE flimkien mal-Bulgarija għall-indiċi ta’ kemm hi soda l-provvista tal-elettriku fil-pajjiż. Dan skont informazzjoni mill-Bank Dinji.
Fl-indiċi tar-reliability of supply u t-trasparenza tat-tariffi, Malta ġabet riżultat ta’ 6 flimkien mal-Bulgarija. Il-pajjiżi kollha l-oħra tal-UE ġabu riżultat ta’ 7 jew 8. Il-medja tal-Ewropa u l-Asja Ċentrali kienet ta’ 6.2, jiġiferi Malta għandha riżultat agħar minn dan.