Tinstab droga moħbija fis-sieq tas-sodda u €11,000 fid-dar

Raġel instabulu armi, drogi u ammonti kbar ta’ flus kontanti meta dan inqabad jittrafika d-droga m’oħtu u anke b’involviment fil-ħasil tal-flus. Fid-dar t’oħtu nstabet droga moħbija f’sieq is-sodda u mal-€11,000 fid-dar.

Il-Qorti llum semgħet ix-xhieda tal-Ispettur Mark Anthony Mercieca mill-Iskwadra tad-Drogi, li beda jixhed fil-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra l-aħwa Bormliżi.

Huma qegħdin iwieġbu mhux ħatja ta’ pussess aggravat tal-kokaina, tal-kannabis u ta’ mediċina oħra, kif ukoll tal-ħasil tal-flus. Ġew akkużati wkoll li wettqu dawn ir-reati 100 metru ‘l bogħod minn post frekwentat miż-żgħażagħ.

Ir-raġel ta’ 31 sena ġie akkużat separatament bit-traffikar tad-droga, bil-pussess illegali ta’ armi, li kellu propjetà misruqa u li hu reċidiv.

L-Ispettur qal li kienu ilhom josservaw lir-raġel għal żmien twil. Ġie arrestat wara li l-pulizija bdew isuqu warajh f’Ħaż-Żabbar u hu baqa’ jipprova jaħrabhom sakemm inqabad f’Bormla. Fil-karozza nstabu eluf fi flus kontanti, kokaina, droga sintetika, pistola u sikkina.

Fl-erba’ propjetajiet tal-akkużat, instab ammont kbir ta’ kannabis biex tiġi traffikata, oġġetti relatati mat-traffikar tad-droga, iżjed flus kontanti u għadd ta’ armi. Instabu wkoll xi notamenti b’ismijiet u somom, li l-pulizija qegħdin jassumu li huma djun li n-nies għandhom mal-akkużat.

Ħames karozzi u erba’ muturi, kollha tal-akkużat, inqabdu mill-pulizija. Fid-dar tal-akkużat instabu għadd ta’ kameras u sistemi tas-sigurtà.

Oħt l-akkużat ġiet arrestata meta rritornat id-dar. L-alarm tal-ħallelin tad-dar qabbduh il-pulizija stess. Fil-kċina tagħha nstabet id-droga kannabis, u fil-kamra tas-sodda pistola, drogi, xfafar u affarijiet relatati mad-drogi. Id-droga kienet moħbija ġo sieq is-sodda. Instabu wkoll €11,080 flus kontanti.

Il-każ għandu jkompli jinstema’ l-ġimgħa d-dieħla.