Tinstab b’għonqha mħanxar; is-sieħeb tagħha arrestat

Facebook

Il-Pulizija arrestat Olandiż b’rabta mal-qtil tal-mara li nstabet b’għonqha mħanxar f’Santa Venera kmieni dalgħodu. 

Rapporti mhux ikkonfermati qed jgħidu li l-vittma tal-qtil brutali hija Shannon Mak (fir-ritratt), li ilha tgħix Malta għal diversi xhur. Minn fuq Facebook tagħha jidher li kienet tgħix l-Imsida. Mhux magħruf kemm għandha żmien, u kelliem għall-Pulizija qal li mhux f’pożizzjoni li jagħti dan id-dettall. Il-midja lanqas mhi taqbel dwar l-età tagħha, li qed tvarja minn 22 sa 30 sena.

X’qed jingħad li kkawża l-qtil?

Sezzjoni tal-midja qed tgħid li Mak kienet għadha kif temmet ir-relazzjoni mal-allegat aggressur, iżda lbieraħ filgħaxija t-tnejn kienu qed jattendu attività u bdew jargumentaw. Qed jiġi rrappurtat ukoll li ż-żagħżugħ ammetta mal-Pulizija li kien hu li ħanxrilha għonqha.

Skont l-istazzjon nazzjonali, l-allegat qattiel, li jgħix qrib ix-xena tad-delitt, mistenni jitressaq il-Qorti għada.

X’ġara dalgħodu?

Il-mara nstabet bla ħajja fis-6.15am fi Triq il-Mastrudaxxi, taħt ħajt, bejn żewġ karozzi pparkjati. Mal-wasla tal-Pulizija fuq il-post, sabu lill-vittma f’għadira demm, bi ġrieħi li jindikaw li sfat vittma ta’ sikkina. Issejħu wkoll esperti forensiċi, il-karozza tal-mejtin tal-Pulizija filwaqt li ġew elevati numru ta’ filmati mill-kameras tas-sigurtà. Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech qed tmexxi l-inkjesta.

Għadu mhux magħruf jekk il-mara nqatlitx fuq il-post jew ġiet trasportata wara li nqatlet xi mkien ieħor.  Rapporti qalu li l-vittma dehret f’post ta’ divertiment fil-Qawra ftit sigħat qabel.

Residenti fit-triq qalu li ma semgħu l-beda kommossjoni fis-sigħat ta’ qabel is-sejba tal-katavru. Qed jiġi rrappurtat li l-vittma kienet taħdem ma’ kumpanija tal-gaming, hekk kif indikat minn brazzulletta li kellha ma’ idha.

Din hija r-raba’ vittma ta’ qtil f’inqas minn xahar.  Fl-24 ta’ Lulju, raġel qatel lil ommu u lil zitu fil-Għargħur. Fis-6 ta’ Lulju l-imprenditur Hugo Chetcuti ġie attakkat b’sikkina f’Paceville u miet l-isptar ftit tal-jiem wara.