Tinstab arma tan-nar f’karozza f’Kordin; “għadna qed ninvestigaw”

Il-Pulizija għadha qed tinvestiga każ li jmur lura għad-19 ta’ Frar ta’ din is-sena fejn kienet instabet arma tan-nar f’karozza fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

F’żewġ mistoqsijiet parlamentari li saru mill-Membru Parlamentari Nazzjonalista Jason Azzopardi lill-Ministru għall-Intern Michael Farrugia ġie mitlub jikkonferma għaliex ma nfetħitx inkjesta dwar il-każ. Fiż-żewġ istanzi, ġie spjegat li malli nstabet l-arma tan-nar issejħu l-pulizija mill-għassa ta’ Raħal Ġdid biex jinvestigaw.

Il-Ministru Farrugia qal ukoll li meta nstabet l-arma, il-Pulizija tad-Distrett infurmat lill-Maġistrat tal-Għassa li min-naħa tagħha ddeċidiet li ma kienx hemm lok ta’ inkjesta Maġisterjali.

Newsbook.com.mt bagħat numru ta’ mistoqsijiet lill-Pulizija dwar il-każ speċifiku. Il-Pulizija qalu li ma setgħux jingħataw aktar dettalji dwar il-każ ħlief dawk li ħarġu fit-tweġibiet parlamentari hekk kif l-investigazzjoni għadha għaddejja. Intant qalet li malli jissolva l-każ se tieħu l-passi neċessarji skont il-liġi.

Mistoqsija dwar x’ġeneralment ikunu l-passi li jittieħdu meta persuna tinqabad b’xi arma jew sustanza illegali fl-akwati tal-ħabs, il-Pulizija spjegaw li l-persuna tiġi arrestata u jiġi stabbilit jekk fil-verità kienx hemm ksur ta’ liġi jew le permezz ta’ investigazzjoni. Jekk jinstab li persuna tkun ħatja jittieħdu proċeduri rikjesti mil-liġi quddiem il-Qorti.