Tinsisti biex l-edukazzjoni tmur kontra r-radikalizzazzjoni

Mill-Parlament Ewropew, l-Ewroparlamentari Maltija Therese Comodini Cachia nsistiet li hemm ħtieġa li ż-żgħażagħ Ewropej iħossu ferm iktar li l-Ewropa hi tagħhom, jitgħallmu iktar dwar l-Ewropa u l-valuri u l-kultura komuni, anke biex tilqa’ kontra t-theddid ta’ twemmin radikali.
Comodini Cachia appellat lill-Kummissjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għal opportunitajiet kontinwi ta’ taħriġ anke għall-edukaturi u biex issaħħaħ l-edukazzjoni informali biex studenti u għalliema minn pajjiżi differenti joqorbu lejn xulxin.
Saħqet li t-taħriġ vokazzjonali m’għandux jitqies b’inqas valur minn tagħlim ieħor u lanqas m’għandu jintuża biex jinħeba n-numru ta’ studenti li jitilqu qabel iż-żmien mill-iskola.