Tinsiex tirreġistra l-kuntratt tal-kirja skont il-liġi l-ġdida

Mill-1 ta’ Jannar daħlet fis-seħħ liġi dwar il-kirjiet residenzjali privati. Skont stqarrija mill-Awtorità tad-Djar, il-liġi tagħmilha mandatorja li sid il-kera jirreġistra l-kuntratt tal-kirja fi żmien għaxart ijiem minn meta jiġi ffirmat il-kuntratt.

L-awtorità qalet li l-implementazzjoni tal-liġi qegħda titwettaq minn sezzjoni speċifika li twaqqfet fi ħdanha. Ir-reġistrazzjoni hija mingħajr ħlas matul is-sena 2020 bħala inċentiv għas-sidien.

Il-kirjiet residenzjali li saru wara l-1 ta’ Ġunju tal-1995, imma qabel id-dħul ta’ din il-liġi u li xorta jibqgħu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2021, kemm jekk fit-terminu oriġinali jew imġedded, għandhom jiġu rreġistrati sal-1 ta’ Jannar 2021.

L-istqarrija tispjega li r-reġistrazzjoni tista’ ssir onlajn fuq is-sit elettroniku. Dan jassigura reġistrazzjoni trasparenti tal-kuntratti tal-kirjiet, hekk kif ir-reġistrazzjoni qegħda ssir bil-blockchain. Fuq l-istess sit tista’ ssib l-informazzjoni kollha dwar id-dmirijiet u l-benefiċċji li għandhom kemm is-sidien kif ukoll il-familji fil-kera flimkien ma’ spjegazzjoni tal-proċessi ta’ reġistrazzjoni, il-proċess biex tiġi sottomessa tilwima, kif ukoll kif tiġi rraportata kirja mhux irreġistrata mal-Awtorità tad-Djar.

L-awtorità spjegat li f’każ ta’ diffikultà jew bżonn ta’ appuntament, il-pubbliku qed jintalab iċempel fuq 22991010.