Tinsiex iddawwar l-arloġġ illejla!

Fil-lejl bejn is-Sibt u l-Ħadd se norqdu siegħa aktar minħabba li se nkunu qed neqilbu għall-ħin tax-xitwa.

Bosta iżda se jkunu qed jistennew bi ħġarhom is-sena 2021. Dan wara li l-Parlament Ewropew appoġġja proposta biex tintemm il-bidla bejn il-ħin tas-sajf u l-ħin tax-xitwa fl-2021.

L-abbozz ta’ liġi kien ġie approvat mill-Membri tal-Parlament Ewropew (MEPs) b’410 vot favur, 192 kontra u 51 astensjoni, jgħid li l-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea (UE) li jiddeċiedu li jżommu l-ħin tas-sajf tagħhom għandhom jagħmlu l-aħħar bidla tal-arloġġ tagħhom fl-aħħar Ħadd ta’ Marzu 2021. Dawk li jippreferu jżommu l-ħin tax-xitwa jistgħu jaġġustaw l-arloġġi tagħhom għall-aħħar darba fl-aħħar Ħadd ta’ Ottubru 2021.