Tinsewx li Muscat iddeverta ma’ Yorgen meta kien jaf li suspettat – Cassola

Il-kandidat indipendenti Arnold Cassola fakkar lill-Kumitat Parlamentari għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika li l-eks Prim Ministru Joseph Muscat issoċjalizza, iddeverta u kkomunika, kif ukoll aċċetta rigali mingħand Yorgen Fenech, li huwa kien jaf li kien is-suspettat ewlieni wara “l-ikbar assassinju politiku Malti.”

Cassola qal li llum il-Kumitat Parlamentari għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika għandu ċ-ċans jibda jnaddaf is-sistema politika mnawra bbażata fuq ir-relazzjoni ta’ inċest bejn l-interessi tan-negozju maħmuġ u l-politikanti. Dan għaliex dan il-Kumitat se jiddiskuti r-rapport imwettaq mill-Kummissarju għall-Istandards dwar l-inbid Petrus li Yorgen Fenech ta lil Joseph Muscat bħala rigal.

Il-Kummissarju George Hyzler indika li aktarx hemm ksur ta’ liġi fl-investigazzjoni li għamel fuq ir-rigali li Yorgen Fenech, akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, ta lill-eks Prim Ministru Joseph Muscat. Il-Parlament mistenni jlaqqa’ l-Kumitat Permanenti għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika b’mod urġenti llum fis-2pm.

Cassola kien dak li ressaq l-ilment għand il-Kummissarju, iżda huwa ma ngħatax ħjiel ta’ x’jikkontjeni r-rapport. Dan wasslu biex jissuspetta li r-rapport fih kunsiderazzjonijiet importanti fuq kif titwettaq il-politika f’Malta.

Prof. Cassola poġġa r-responsabbiltà fuq il-ħames persuni li huma parti minn dan il-Kumitat: l-Ispeaker Anġlu Farrugia, il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis, il-Ministru għas-Sigurtà Nazzjonali Byron Camilleri, u l-Membri Parlamentari Nazzjonalisti Karol Aquilina u Carmelo Mifsud Bonnici.

Huwa qalilhom li r-responsabbiltà li għandhom hija waħda serja peress li għandha tiddeċiedi l-futur morali jew immorali tal-pajjiż.

Newsbook.com.mt se jkun qed jirrapporta live dak li jiġi diskuss mill-Kumitat Parlamentari.