Tinqdewx bl-emerġenza pubblika biex ma ssalvawx lill-immigranti – NGOs

Read in English.

Diversi għaqdiet għad-drittijiet umani appellaw lill-Gvern Malti sabiex ma jissagrifikax ħajjet immigranti li jkunu f’ħalq il-mewt fuq il-baħar f’isem emerġenza pubblika.

Fi stqarrija qalu li jinsabu xxukkjati bl-aħbar li Malta se tkun qed tagħlaq il-portijiet tagħha għall-persuni li jinsabu f’periklu fuq il-baħar. Qalu li dan se jfisser li jew għexieren ta’ persuni se jitħallew bejn sema u ilma għal jiem u ġimgħat sħaħ jew inkella jiġu sfurzati lura lejn il-Libja fejn jesperjenzaw diversi ksur ta’ drittijiet umani. Qalu li mhux aċċettabbli li Malta tisfrutta s-sitwazzjoni tal-COVID-19 biex titfa’ fuq l-ixkaffa l-obbligazzjonijiet tagħha biex tħares id-drittijiet umani ta’ nisa, irġiel u tfal li jkunu f’riskju li jmutu fuq il-baħar.

L-għaqdiet qalu li huma jifhmu li Malta għaddejja minn sfidi kbar fejn tidħol is-saħħa pubblika. Qalu li jifhmu wkoll li biex wieħed jipproteġi liċ-ċittadini fil-pajjiż, irif jadotta miżuri li forsi jiksru d-drittijiet umani għas-sigurtà inġenerali. Qalu li huwa wkoll fid-dmir ta’ kull ċittadin li jsegwi l-miżuri u jikkopera mal-awtoritajiet minkejja l-limitazzjonijiet imposti, partikolarment id-dritt tal-privatezza u l-ħelsien li wieħed joħroġ minn daru u jmur fejn irid.

Minkejja dan, l-għaqdiet qalu li x-xenarji ta’ emerġenza ma jippermettux li Malta jkollha l-awtorità li tpoġġi l-obbligazzjonijiet tagħha għad-drittijiet umani fuq xkaffa. Qalu li hemm standars minimi li dejjem għandhom jibqgħu jiġu rispettati. Irrimarkaw li l-liġijiet internazzjonali huma ċari u jgħidu l l-ebda ċirkustanza ma tippermetti li persuni salvati mill-għarqa jiġu rritornati lejn territorju fejn ħajjithom u s-sigurtà tagħhom jinsabu f’periklu.

L-għaqdiet komplew billi qalu li l-mod kif qed jinżammu l-immigranti bħalissa b’rabta mal-COVID-19 huwa ksur tad-drittijiet umani fundamentali.  Qalu li ż-żamma ta’ mijiet ta’ immigranti f’post magħluq li hu kważi mingħajr aċċess għall-ilma, arja pura, sapun u privatezza huwa riskju pubbliku kbir ħafna. Qalu li minkejja li jeżistu alternattivi, mhux ċar kemm il-Gvern esplorahom.

Huma temmew billi ħeġġew lill-Gvern Malti sabiex jassigura s-salvataġġ u l-iżbark ta’ persuni li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà diretta tal-pajjiż, kif ukoll jirrevedi s-sitwazzjoni tal-mijiet ta’ immigranti li nqaflu kontra l-volontà tagħhom fiċ-Ċentru l-Miftuħ ta’ Ħal Far mingħajr l-attrezzar bażiku biex wieħed jgħix ħajja dinjituża.

Il-firmatarji tal-appell huma: Aditus Foundation, African Media Association Malta, The Critical Institute, Cross Culture International Foundation, Foundation for Shelter and Support to Migrants, Integra Foundation, Jesuit Refugee Service (Malta), KOPIN, Malta Emigrants’ Commission, Migrant Women Association Malta, People for Change Foundation, SOS Malta u Spark15.

“Malta mhux se tiggarantixxi salvataġġ” – Il-Gvern Malti lil dan Libjan, Taljan u Ġermaniż

Intant, il-Gvern Malti qal li wara d-dikjarazzjoni li mhux se jaċċetta u jiggarantixxi salvataġġ ta’ aktar immigranti, wassal din il-pożizzjoni b’mod formali lil-Libja, lill-Italja u lill-Ġermanja. Fi stqarrija mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, ġie spjegat li saru laqgħat fejn kien hemm preżenti l-Ministru Evarist Bartolo u l-Ministru għall-Intern Byron Camilleri. Huma tkellmu mal-ambaxxaturi tal-pajjiżi rispettivi għal Malta.

Ġie spjegat li mal-ambaxxatur Libjan ġiet diskussa s-sitwazzjoni fil-Libja fejn l-instabbiltà mhux biss qed timmina l-ġlieda kontra l-Coronavirus fil-pajjiż, iżda wasslet biex infetħu ċ-ċentri tal-immigranti, bit-traffikanti tal-bnedmin lesti biex jisfruttawhom.  Il-Gvern Malti qal li dan l-iżvilupp ħoloq theddida akbar għall-pajjiżi fin-Nofsinhar tal-Ewropa, fosthom l-Italja li diġà ħabbret li għalqet il-portijiet tagħha għall-migranti irregolari, ftit qabel ma l-Gvern Malti ddikjara wkoll l-istess pożizzjoni. 

Il-Gvern kompla jgħid li dan dan ma waqqafx aġenziji mhux governattivi milli jinjoraw it-twissijiet u joperaw fil-Mediterran waqt li jiffaċilitaw, b’mod dirett jew indirett, in-negozju tat-traffikanti, billi jinterċettaw il-migranti barra l-ibħra territorjali tal-Libja. 

Il-Ministri Bartolo u Camilleri tkellmu wkoll mal-ambaxxatur Ġermaniż għal Malta wara li l-bastiment Alan Kurdi, li jtajjar bandiera Ġermaniża, interċetta 150 immigrant li ħarbu mil-Libja. Huma qalu li l-bastiment ma kellux garanzija ta’ port fejn jidħol u lanqas ma kellu provvista biżżejjed biex jieħu ħsieb lil dawk li interċetta, fosthom ikel, mediċina u prodotti sanitarji. Qalu wkoll li minħabba l-operat ta’ dan il-bastiment, ġie osservat influss ikbar ta’ immigranti. Il-ministri fissru li l-aġir ta’ bastimenti bħal dan iservi ta’ kalamita għall-immigrazzjoni illegali.  

Aktar kmieni dalgħodu, il-Ministru Byron Camilleri tkellem mal-Kummissarju Ewropew għall-Intern Ylva Johansson u saħaq li l-Unjoni Ewropea għandha terfa’ r-responsabbiltajiet tagħha, speċjalment bħalissa. 

Matul it-taħdidiet kollha, il-ministri saħqu li fis-sitwazzjoni preżenti, ir-riżorsi kollha tal-pajjiż, b’mod speċjali l-korpi dixxiplinati u l-awtoritajiet tas-saħħa, qed jaħdmu qatigħ biex isalvaw il-ħajjiet fuq l-art, u żgur li ma jistgħux jiggarantixxu li jsalvaw il-ħajjiet fuq il-baħar.