“Tinqdewx bil-Bibbja biex tiġġustifikaw il-piena kapitali” – l-Isqfijiet Filippini

L-Isqfijiet tal-Filippini għadhom kemm xandru stqarrija ġdida kontra l-piena kapitali.
“Lil dawk li qed jinqdew bil-Bibbja biex jiddefendu l-piena kapitali, hemm bżonn ngħidulhom kemm krimini oħra kontra l-umanità ġew iġġustifikati bil-Bibbja?”, staqsa l-President tal-Konferenza Episkopali Filippina fi stqarrija li nqrat fil-quddies kollu nhar il-Ħadd.
“Umilment inħeġġuhom jinterpretaw l-Iskrittura kif imiss, jaqrawha bħala r-rivelazzjoni progressiva tar-rieda ta’ Alla lill-bnedmin, li laħqet il-milja tagħha f’Ġesù Kristu, il-Kelma defenittiva ta’ Alla lid-dinja”.
L-istqarrija tagħlaq b’talba għal dawk li jagħmlu l-liġi, qabel jieħdu l-vot importanti dwar il-piena kapitali fis-Senat tal-Filippini.
Iktar kmieni dan ix-xahar, il-Parlament Filippin ivvota favur abbozz ta’ liġi biex terġa’ tiġi introdotta l-piena tal-mewt f’każi marbuta mad-droga, li issa qed tistenna l-aħħar kelma tas-Senat.