Tinqatel b’tiri ċikonja f’San Blas f’Għawdex

Kmieni wara nofsinhar intlaqtet b’tiri minn kaċċatur ċikonja sewda, dan wara li l-Birdlife f’Malta irċevew rapporti tat-tiri fl-inħawi.

L-operazzjoni ta’ tfittxija mill-gwardjani tal-għasafar flimkien mal-pulizija Għawdxija ma kienitx waħda faċli, iżda ftit wara li nstabet iċ-cikonja, mietet f’idejhom.

Il-Kumitat kontra l-Qtil tal-Għasafar, il-CABS, irringrazzjaw lil dawk kollha li taw sehemhom f’din l-operazzjoni. David Conlin, responsabbli mit-tim tal-CABS f’Għawdex żied jgħid li l-ħidma kontra l-qtil t’għasafar protetti hija waħda li tinvolvi diversi aġenziji, li lkoll huma strumenti importanti.

Dan ma kienx l-unika każ illum. Il-CABS irrappurtaw każi oħra ta’ sparaturi viċin Ġebel Ciantar, f’Ħal Safi kif ukoll fl-Imġarr, inċidenti li seħħew fi żmien qasir. Bdew proċeduri kontra nassab, li minkejja projbizzjoni fuq xbieki tan-nassa, inqabad jagħmel użu minnhom fl-Imġarr.

Kelliem għal CABS iħeġġeġ lill-awtoritajiet biex ikomplu l-ħidma tagħhom hekk kif kienu għamlu fil-każijiet tal-fjamingi li ġew maqtula fil-ġimgħat li għaddew.

Għal informazzjoni dwar il-kaċċa illegali, wieħed jista’ jikkuntattja l-CABS fuq 99554442 (Malta) jew 99646321 (Għawdex).

Ritratt: CABS