Tinqata’ l-lista ta’ stennija tal-HomeHelp f’Għawdex

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li nqatgħet l-istennija għas-servizzi tal-għajnuna fid-djar għall-anzjani, magħruf bħala HomeHelp f’Għawdex.
Fi stqarrija l-Ministru Caruana qalet li dawk l-anzjani li jagħżlu li jibqgħu jgħixu fi djarhom għandu jkollhom kull assistenza possibbli.
Il-Ministru qalet li mhux aċċettabbli li l-anzjani li jeħtieġu l-għajnuna jitħallew jistennew ġimgħat jew xhur biex jingħataw dan is-servizz; kien għalhekk li, wara l-eżerċizzju li sar biex tinqata’ għalkollox il-lista ta’ stennija, se jiġi assigurat mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni ta’ kull każ li jkun iktar effiċjenti u jevita dewmien u tbatija bla bżonn.
Temmet tgħid li qed isiru wkoll xogħlijiet fl-uffiċċju tas-sezzjoni tal-anzjani fil-Ministeru għal Għawdex biex ikun iktar attrezzat u għalhekk il-klijenti jkunu jistgħu jinqdew f’iktar kumdità u b’iktar effiċjenza.
Ritratt: MGOZ: Terry Camilleri