Tinqata’ l-kundanna dwar ir-razzett fil-Fgura fit-2 ta’ Ottubru

Id-deċiżjoni dwar ir-razzett fil-Fgura li għandu mal-200 sena ġiet posposta għat-2 ta’ Ottubru. Dakinhar mistennija tinqata’ l-kundanna.

It-Tribunal tal-Ippjanar kellu jieħu deċiżjoni dwar il-bini propost minflok dan ir-razzett ilbieraħ, iżda d-deċiżjoni ġiet posposta minħabba teknikalità. Ir-rappreżentanti legali tal-kunsill u l-applikant ma qablux fuq jekk għandhiex tidher aktar evidenza fuq il-każ.

Dan il-proġett sab ħafna oġġezzjonijiet, partikolarment mingħand il-Kunsill Lokali tal-Fgura u l-NGO Flimkien għal Ambjent Aħjar. Il-proġett propost minn Trevor Buttigieg huwa biex ir-razzett jitwaqqa’ u biex jinbena ħajt madwar il-propjetà.

Il-valur storiku tar-razzett

Ir-razzett qabel kien protett billi kien jitqies ta’ Grad 3, imma madwar sena u nofs ilu, it-Tribunal tal-Ippjanar tal-Ambjent neħħielu din il-protezzjoni.

Jumejn ilu, saret konferenza stampa mill-Kunsill Lokali tal-Fgura flimkien mal-għaqda FAA u mar-residenti tal-Fgura. Waqt il-konferenza, ir-resident Fguri Aldo Busuttil spjega li mir-riċekja li għamel flimkien ma’ Josef Bartolo, ikkonkludew li r-razzett hu simbolu uniku tal-identità u l-oriġini tal-Fgura.

Spjega li l-Fgura tinsab taħt ir-riħ tas-swar tal-Kottonera, u għalhekk, ma setax jinbena bini għoli f’każ ta’ attakk u ma kienx possibbli li jinbnew bereġ, palazzi, jew town houses. Fil-Medju Evu, in-nies ta’ Ħal Ellul kienu jirgħu l-bhejjem u jkabbru l-prodotti agrikoli f’Ħal Għarrat (illum il-Fgura). Kompla jgħid li l-Fgura minn dejjem kienet ikkaratterizzata minn makkja, għelieqi u rziezet tant li fl-Arkiviji Notarili tal-1505 instabu dokumenti li jirreferu għall-familja b’kunjom Sqalli ‘Ficura’ li minnu ħareġ l-isem tal-Fgura.

Ir-resident ikkritika r-rapport tad-Direttorat fi ħdan l-Awtorità tal-Ippjanar li fl-opinjoni tiegħu huwa preġudikat, minħabba li “mimli kummenti dilettanteski u rakkomandazzjonijiet strambi.”

Astrid Vella, il-kordinatriċi ta’ Flimkien Għal Ambjent Aħjar, saħqet fuq il-karatteristiċi arkittetoniċi li huma imsemmija fl-istess rapport li kienu kkwotati mill-Awtorità tal-Ippjanar li m’għandhomx importanza storika. Vella staqsiet kif jista’ jkun li l-Awtorità rreżistiet bil-qawwa t-talbiet għat-tneħħija tal-iskedar sal-2012, imbagħad f’daqqa waħda fl-2015 l-iskedar tneħħa.

Vella sostniet li l-patrimonju ta’ dan il-bini huwa importanti ħafna għal kwalità tal-ħajja tar-residenti għax jagħti identità u jipprovdi pulmun fil-qalba tal-lokalità.

F’seduta li saret f’Mejju, it-Tribunal iddeċieda li l-Kunsill Lokali tal-Fgura għandu xahar mid-data tas-seduta biex idaħħal evidenza li ssaħħaħ l-appell, filwaqt li l-iżviluppatur ikollu xahar ċans biex iwieġeb għal din l-evidenza.

Fis-seduta li jmiss, it-Tribunal għandu jiddeċiedi jekk jaċċettax aktar evidenza u mbagħad jieħu d-deċiżjoni finali.

Il-Kunsill Lokali tal-Fgura se jiddiskuti dan is-suġġett fil-laqgħa tiegħu nhar it-Tnejn li ġej.

L-isfidi li qed jaffaċċjaw ir-residenti
Tellieqa kontra l-ħin biex jiġi salvat razzett fil-Fgura