Aġġornata: Tinqata’ ċima ta’ vapur; tlieta jweġġgħu f’Birżebbuġa

Hekk kif l-uffiċjali ta’ Tug Malta kienu qed jiġbdu vapur f’Birżebbuġa, inqatgħet ċima ta’ vapur li weġġgħet tliet persuni li kienu fuq it-tugboat. Persuna minnhom ittieħed l-isptar minħabba li weġġa’ gravi.

Kelliem għall-Pulizija kkonferma li l-inċident seħħ għall-ħabta tan-nofsiegħa u ħaddiem minnhom ittieħed l-isptar b’ambulanza u aktar tard ġie ċċertifikat li weġġa’ gravi. Spjega li f’ħin minnhom inqatgħet ċima ta’ vapur li kienu qed jiġbdu u ċ-ċima ġiet lura lejn il-kabina tat-tugboat li minnha kienu qed jaħdmu.

Iż-żewġ ħaddiema l-oħra, raġel ta’ 61 sena mill-Birgu u ieħor ta’ 36 sena mix-Xagħjra weġġgħu ħafif u ġew riferuti lejn iċ-ċentru tas-saħħa.

Kelliem għal Malta Freeport Terminals qal li l-Freeport għen fl-ewwel għajnuna u bagħat infermier fiż-żona fejn seħħ l-inċident. Sostna li l-ħaddiem li weġġa’ kien membru tal-kru tad-dgħajsa ta’ Tug Malta.