Sewwieqa gravi, 3 midrubin wara li nqalbet vettura f’Ħal Qormi

Aġġornat 05:45 PM

Read in English.

Inqalbet vettura f’Ħal Qormi u erba’ persuni ttieħdu l-isptar b’emerġenza. Is-sewwieqa għandha ġrieħi gravi u l-passiġġiera ħelsuha ħafif.

Kelliem għall-Pulizija informa lil Newsbook.com.mt li dan ġara għall-ħabta tan-12.30pm, fiż-żona Tal-Ħandaq bejn Ħaż-Żebbuġ u Ħal Qormi.

Fuq il-post marru uffiċjali tal-pulizija u ntbagħtet ambulanza. Kien hemm ukoll uffiċjali tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili biex joħorġu lil min kien fil-karozza.

Jidher li s-sewwieqa, żagħżugħa ta’ 19-il sena minn Ħal Qormi, tilfet il-kontroll tal-karozza u waqfet ma’ ħajt, bil-kawża li l-vettura nqalbet rasha l’isfel. Hija għandha ġrieħi gravi.

Intant, it-tliet passiġġiera wkoll ittieħdu l-isptar. Tnejn minnhom huma mara u raġel Qriema, ta’ 35 u 19-il sena, rispettivament. Magħhom kien hemm ukoll Żebbuġi ta’ 26 sena. Huma għandhom ġrieħi ħfief.