Iweġġa’ gravi wara li jinqeleb bil-karozza fil-Wardija

Ġuvni ta’ 22 sena mill-Ħamrun qed isofri minn grieħi gravi, iżda mhux fil-periklu tal-mewt, wara li inqaleb bil-karozza tiegħu fil-Wardija. Miegħu kellu passiġġier, ġuvni ta’ 22 sena mir-Rabat, li ma sofra l-ebda ġrieħi. 

L-inċident seħħ għal ħabta tas-1.15pm fit-Telgħa ta’ San Martin, il-Wardija.

Jidher li s-sewwieq tilef il-kontroll tal-karozza Honda Civic. Huwa ħabat ma’ ħajt, inqaleb u baqa’ jitkaxkar għal diversi metri fuq is-saqaf.

Fuq il-post issejħu l-membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li ħarġu l-ġuvintur mill-karozza. Ambulanza ħadet lix-xufier l-Isptar Mater Dei għall-kura. 

Il-pulizija qed tkompli tinvestiga.