Tinqabad mara oħra li serqet mingħand anzjana; solvuti 4 każijiet

Il-Pulizija qabdet lil mara oħra li wettqet serqa mingħand anzjana, flimkien ma’ mara li kienet diġà nqabdet. Iż-żewġ nisa huma suspettati li wettqu erba’ serqiet.

Fil-jiem illi għaddew, il-Pulizija tad-Distrett ta’ Tas-Sliema kompliet bl-investigazzjonijiet intensivi b’rabta mas-serqa li saret lil anzjana fir-residenza tagħha fl-Imsida, fis-7 ta’ April. Fl-aħħar sigħat, il-Pulizija arrestat it-tieni persuna, mara ta’ 44 sena, li allegatament kienet involuta f’din is-serqa.

Dwar dan il-każ, il-Pulizija kienet diġà arrestat mara ta’ 45 sena u anke tressqet il-qorti fid-9 ta’ April.

L-investigazzjonijiet dwar dan il-każ wasslu għal żviluppi ġodda, u ġew solvuti erba’ każijiet oħra ta’ serqiet simili. Dawn kienu żewġ serqiet f’Birkirkara: waħda lil anzjana ta’ 81 sena u oħra lil anzjana ta’ 92 sena; serqa f’Santa Venera lil anzjan ta’ 77 sena; u serqa oħra fl-Imsida lil anzjana ta’ 82 sena.

Allegatament dawn l-erba’ serqiet twettqu mill-istess żewg persuni.

Mill-istħarriġ illi sar mill-Pulizija rriżulta li fil-każijiet kollha, iż-żewġ persuni arrestati allegatament ħabbtu fuq ir-residenzi tal-anzjani jgħidulhom li huma impjegati ma’ aġenziji li joffru servizzi lill-anzjani.

Waqt li allegatament waħda tibqa’ titkellem mal-anzjani, allegatament il-persuna l-oħra twettaq is-serqa.

Fl-10.30am, iż-żewġ nisa se jitressqu l-qorti quddiem il-Maġistrat Neville Camilleri akkużati bis-serqiet li saru f’Birkirkara, f’Santa Venera u fl-Imsida. Il-mara ta’ 44 sena se tkun akkużata wkoll bis-serqa mingħand l-anzjana ta’ 79 sena fl-Imsida.

L-appell tal-Pulizija lill-persuni vulnerabbli huwa biex ma jiftħu lil ħadd u ma jdaħħlu lil ħadd fid-dar jekk ma jkunux qed jistennew lil xi ħadd li jafu li se jmur għandhom. Jekk ikollhom suspett, iċemplu mill-ewwel lill-Pulizija fuq in-numru 112.