Tinqabad ir-Rumena li kienet tiffroda s-sidien tal-ħwienet

Nhar il-Ġimgħa li għadda l-Pulizija rnexxielha tarresta l-mara Rumena li kienet qed tidħol fil-ħwienet b’tarbija, issaqsi għall-prodott, tħallas b’karta ta’ €200 u tgħid li ngħatat bqija ħażina, meta fil-verità kienet hi li taħbi ammont mill-bqija.

Kien proprju qarrej ta’ Newsbook, ġuvni ta’ 23 sena minn B’Kara li ċempel lill-Pulizija wara li qara l-artiku u ra l-filmat tar-Rumena minn fuq dan is-sit.

Nhar il-Ġimgħa li għadda għall-ħabta tas-6:45pm, il-qarrej tagħna inzerta kien qed jixtri mill-istabbiliment tal-KFC fil-Gżira meta l-mara, għal xi raġuni daħlet fil-ħanut -tarbija f’idejha.

Kien dak il-ħin li l-qarrej ċempel lill-Pulizija fuq in-numru 112 u skont hu, dawn ġew u arrestawha wara biss 3 minuti.

Qalilna li baqa’ skantat kif il-Pulizija ġew f’ħin daqshekk malajr. Qal ukoll li “ħaqqhom prosit ta’ vera!”.

Nhar il-Ħamis li għadda, Newsbook żvela dan il-każ ta’ frodi wara li kkuntattjana sid ta’ ħanut mill-Fgura, Trevor Mallia, li kien tefa’ ritratt tar-Rumena fuq facebook wara li daħlet fil-ħanut tiegħu u pprovat tiffordah.

Jidher li l-mara ffrodat diversi sidien ta’ ħwienet fosthom f’San Ġwann, fil-Mellieħa u f’San Pawl il-Baħar.

Hawnhekk tista’ tara l-filmat tal-mara Rumena u tisma’ l-intervista ma’ Trevor Mallia: http://.ly/Yo8YEZ

catherine@newsbook.com.mt