Tinkwetax jekk tisma’ xi sireni qrib Delimara

Il-Kumpanija Enemalta plc se tagħmel xi provi tas-sireni tal-emerġenza fil-Power Station ta’ Delimara nhar it-Tlieta li ġej.

Skont stqarrija maħriġa mill-istess kumpanija, is-sireni se jindaqqu għal 20 sekonda fid-09:05am. Din hi parti minn proċedura li l-kumpanija twettaq kull sena biex taċċerta li kollox jaħdem sew f’każ li jkun hemm sitwazzjonijiet ta’ emerġenza.

Fl-istqarrija, Enemalta plc qalet li l-pjanijiet għal każi ta’ emerġenza jiġu meqjusa u aġġornati regolarment b’kollaborazzjoni ma’ għadd ta’ entitajiet u awtoritajiet nazzjonali, skont kif hu stipulat fir-regolamenti applikabbli.