​Tinjorawx l-inġustizzji li qed iseħħu – Il-President

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca qalet li ħadd m’għandu jinjora l-inġustizzji li qed iseħħu kullimkien.
Waqt konferenza bit-titlu ‘Ensuring Equity: The importance of wealth redistribution in a globalised world’ organizzata mill-Università ta’ Warwick, il-President sostniet li “kulħadd għandu jara li jindirzza l-inugwaljanza”.
Fil-fehma tal-President, wieħed ma jistax ikun sodisfatt mill-benessere tiegħu nnifsu jekk ikun jaf li ħaddieħor ma jkunx qed igawdi mill-istess sigurtà.
Qalet li filwaqt li hawn aktar aċċess għall-informazzjoni, in-nies mhux qed ikunu aktar imħassba dwar is-sitwazzjoni ta’ nies oħra.
Skont il-President, il-kundizzjonijiet fis-suq tax-xogħol qed jiddeterjoraw u ġiet ikkreata klassi soċjali ġdida ta’ ħaddiema foqra. Qalet li minn naħa l-oħra, l-ekonomiji qed jinbidlu b’rata aċċellerata u li qed jiġu affettwati bid-domandi ta’ teknoloġiji u żviluppi industrijali ġodda.
Fid-diskors tagħha Coleiro Preca staqsiet għalfejn hemm żieda qawwija fir-riskju tal-faqar, l-esklużjoni, u inqas sigurtà fix-xogħol fl-Ewropa. Il-President qalet li temmen li wieħed għandu jitgħallem kif jiggwida l-iżvilupp tiegħu u jassigura li l-ġid jiġi mqassam b’mod ugwali biex ikun hemm rispett sħiħ lejn id-dinjità tal-bniedem.