Aġġornata: Bilanċ bejn nisa u rġiel iġib perspettivi ġodda – Dalli

Il-Ministru għall-Ugwaljanza Helena Dalli qalet li jekk jinstab bilanċ bejn l-ammont ta‘ nisa u rġiel fil-post tax-xogħol, speċjalment fil-livell tat-teħid tad-deċiżjonijiet, ikun hemm perspettivi taż-żewġ ġeneri.

Dan qalitu waqt konferenza tal-aħbarijiet, fejn nediet konsultazzjoni pubblika dwar strateġija għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri.

Dalli qalet li tinsab kburija li fid-dipartimenti fi ħdan il-ministeru tagħha, aktar minn 50% tal-persuni f’pożizzjoni li jieħdu deċiżjoni huma nisa. Mistoqsija minn Newsbook.com.mt dwar kif irnexxielha takwista dan ir-riżultat, Dalli qalet li ma ttieħdet l-ebda miżura partikolari f’dan ir-rigward.

Dalli qalet li kull ministeru tal-Gvern irid juża’ l-potenzjal tan-nies Maltin – irġiel u anke nisa. Fi kliem il-Ministru, ċertu affarijiet li jikkontribbwixxu għad-diskrepanza tal-paga bejn il-ġeneri saru parti mill-kultura.

Fid-dokument ta’ konsultazzjoni l-Gvern qal li l-istrateġija tiegħu huwa li jimplimenta strateġija li tipprovdi viżjoni medium-term għal miżuri favur l-ugwaljanza. L-istrateġija għandha tipprovdi direzzjoni fil-politika ta’ entitajiet Governattivi u msieħba oħra.

Il-pjan ta’ azzjoni se jkun qed jiffoka fuq tmien pilastri:

  1. Id-dritt għal trattament ugwali
  2. Aċċess indaqs u opportunità fil-post tax-xogħol u ġlieda tad-diskrepanza bejn il-pagi
  3. Indipendenza finanzjarja
  4. Aċċess ugwali u opportunità għall-kisba tal-għerf u l-edukazzjoni
  5. Ko-responsabbilità u bilanċ bejn ix-xogħol, il-ħajja privata, u l-ħajja mal-familja
  6. Aċċess ugwali u opportunità għal pożizzjonijiet ta’ awtorità għan-nisa u l-irġiel
  7. Aċċess ugwali u opportunità għas-saħħa u l-benesseri ġenerali
  8. Intersectionality

Is-sottomissjonijiet dwar il-konsultazzjoni se jintlaqgħu sat-8 ta’ April. Tista’ tibgħat imejl fuq humanrights@gov.mt.