El Salvador: Tinħeles mill-akkużi li qatlet lil binha wara li wellditu mejjet

Reuters

Mara akkużata b’omiċidju wara li welldet lit-tarbija tagħha mejta nħelset minn kull akkuża fil-qorti f’El Salvador. Il-każ ġibed l-attenzjoni madwar id-dinja peress li xeħet dawl fuq l-illegalità tal-abort fil-pajjiż.

Evelyn Hernandez ta’ 21 sena kienet intbagħtet il-ħabs għax instabet ħatja li kkawżat abort u diġà għamlet tliet snin ħabs minn sentenza ta’ 30 sena. Il-każ imur lura għall-2016, meta Hernandez kienet ġiet stuprata minn raġel li kien parti minn klikka. Hija ma kinitx taf bit-tqala tagħha sa ftit qabel ma welldet lil binha bla ħajja f’April.

Aqra: F’Salvador tinħeles mill-ħabs wara suspett ta’ abort

Fi Frar li għadda, il-Qorti Suprema ordnat li Hernandez tinħeles u li l-każ tagħha jerġa’ jinstema’ fil-qorti, peress li skont il-Qorti, id-deċiżjoni tal-Maġistrat kienet ibbażata fuq preġudizzju u ma kienx hemm biżżejjed evidenza.

Wara li ntemmet is-seduta tal-bieraħ, Hernandez kienet imbikkma u qalet li fl-aħħar saritilha ġustizzja. Hija qalet li tittama li jinħelsu nisa oħra li huma f’ċella bla ħtija. Id-Direttriċi ta’ Amnesty International fl-Amerka Latina, Erika Guevara-Rosas, qalet li din hi rebħa għad-drittijiet tan-nisa fil-pajjiż.

Madwar 147 mara ngħatat sa 40 sena priġunerija f’El Salvador f’każijiet simili bejn l-2000 u l-2014.