Tinħeles għax ma qasmux minn fuq zebra crossing

Sewwieqa ta’ karozza li tajjret żewġ anzjani nħelset minn kull responsabiltà kriminali, wara li l-qorti semgħet kif l-anzjani kienu qed jaqsmu minn wara kantuniera, u bix-xemx kontra d-direzzjoni tas-sewwieqa.

Il-Qorti semgħet kif l-anzjani ma qasmux minn fuq iż-zebra crossing għax qalu li din kienet ‘il bogħod, u qasmu x’ħin raw it-triq vojta.

Il-mara li kienet qed issuq il-karozza hija Alexia Caruana Coppola li ġiet akkużata li feriet żewġ persuni li kienu qed jaqsmu fi Triq Ganu f’Birkirkara fi Frar tal-2012. Wieħed minn dawk li ntlaqtu weġġa’ gravi filwaqt li l-ieħor sofra ġrieħi ħfief.

Xehed ukoll uffiċjal tal-Pulizija li nserta fuq il-post, li kkonferma li t-triq ma kinitx vojta u li l-karozza ma kinitx qed tinstaq b’veloċità eċċessiva. Il-Qorti nnotat ukoll kif l-inċident seħħ fit-8am u allura diffiċli li t-triq tkun vojta.