“Tinħebiex bħal qarnita u ddabbar rasek” – Repubblika lill-PM

L-NGO Repubblika qiegħda tappella lill-Prim Ministru Joseph Muscat biex ma jagħmilx bħal qarnita u jitfa’ l-inka biex jinħeba u jiddefendi ruħu, u mbagħad idabbar rasu. Dan qaluh fi stqarrija maħruġa fil-Jum Internazzjonali Kontra l-Korruzzjoni, li fiha elenkaw lista ta’ appelli lill-istituzzjonijiet.
Huma appellaw li l-pubbliku jkollu r-rapport sħiħ tal-inkjesta Egrant, li l-pubbliku jsir jaf min kienu l-mandanti tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, li toħroġ kopja kompleta tal-ftehim dwar it-3 sptarijiet pubbliċi li ngħataw lill-privat u kopja tal-ftehim li ntlaħaq biex inbniet il-power station il-ġdida.
L-attivisti komplew jgħidu li jeħtieġ li Konrad Mizzi u Keith Schembri jispjegaw għaliex kienu qed jirċievu €5,000 kuljum mingħand Yorgen Fenech tal-kumpanija 17 Black u Electrogas. Żiedu jgħidu li l-Assistent Kummissarju Silvio Valletta għandu jirreżenja mill-Bord tal-Gvernaturi tal-FIAU.
Repubblika esprimiet it-tħassib tagħha dwar kif il-korruzzjoni saret “qisha qarnita li firxet s-swaba’ tagħha f’kull istituzzjoni u f’kull sfera tas-soċjetà.” Qalu wkoll li kull fejn kien hemm allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni fuq persuni ta’ kariga għolja fil-passat, dawn dejjem irreżenjaw jew issospendew irwieħhom, imma llum ħafna drabi, meta jiġri hekk, lanqas jittieħdu passi.