Tinħatar l-ewwel Presidenta f’100 sena tal-Akkademja tal-Malti

Minn mindu twaqqfet fl-1920, l-Akkademja tal-Malti, dak iż-żmien l-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti, dejjem kellha President raġel. Dan inbidel ilbieraħ mal-ħatra tal-ewwel Presidenta tagħha, Ann Marie Schembri.

Ilbieraħ saret il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Akkademja tal-Malti f’Dar l-Ewropa li fiha saret elezzjoni għall-Kumitat tas-snin 2019-2021.

Schembri, l-ewwel mara li se tkun qed tmexxi l-Akkademja, waħda mill-għaqdiet l-iżjed prestiġjużi tal-ilsien Malti, qalet li trid li tissejjaħ Presidenta. Qabilha okkupa l-kariga għal sena Prof. Albert Borg, u qablu Dr Mario Cassar, għal sena wkoll. Fit-twaqqif tagħha, kienu involuti fl-Akkademja personaġġi prominenti fix-xena letterarja bħal Ġużè Muscat Azzopardi, Franġisku Saverju Caruana, Dun Karm Psaila, u Ninu Cremona.

Il-membri tal-Kumitat għas-sentejn li ġejjin huma David Agius Muscat, Joseph P. Borg, Charles Casha, Phyllis Debono, George Farrugia, Reno Fenech, Sergio Grech, Rita Saliba, u Olvin Vella, li lkoll kienu parti mill-Kumitat preċedenti. Magħhom ingħaqad ukoll Daniel Bezzina, li ilu attiv fl-Għaqda tal-Malti – Università għal dawn l-aħħar snin.

L-Akkademja għandha l-kunsill il-ġdid għas-snin 2019-2021. Inħatret is-Sa Ann Marie Schembri bħala Presidenta u hi…

Posted by Akkademja tal-Malti on Thursday, July 18, 2019

Għada se ssir il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Għaqda tal-Malti – Università, li fiha jinħatar ukoll Kumitat ġdid għas-sentejn li ġejjin.