Tinħatar il-Kummissjoni għall-Kummerċjalizzazzjoni tal-Faċilitajiet Sportivi

Minn Jannar li ġej se tibda topera l-Kummissjoni għall-Kummerċjalizzazzjoni tal-Faċilitajiet Sportivi.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Isport Clifton Grima ppreżenta l-ħatra tal-Kummissjoni l-ġdida, li tikkonsisti f’David Farrugia Sacco li se jokkupa l-kariga ta’ ċermen, William Beck li hu s-segretarju tal-istess kummissjoni kif ukoll Esther Azzopardi, Chris Bonett, Jonathan Barbara, Karl Izzo u Oliver Scicluna. 
Grima fisser li bil-liġi tal-Kummerċjalizzazzjoni tal-Faċilitajiet Sportivi huwa maħsub li l-assoċjazzjonijiet nazzjonali u l-klabbs tal-futbol u tal-isport akwatiku jkunu jistgħu jagħmlu attivita kummerċjali fil-faċilitajiet tagħhom. 
Sostna li b’hekk jkunu jistgħu jkabbru l-introjtu tagħhom biex jsiru iktar professjonali mingħajr ma joqogħdu jserrħu wisq fuq sponsorships jew għajnuna mingħand il-Gvern. 
Fi stqarrija Grima qal li se tinħoloq industrija ġdida fil-qasam sportiv li minnu se jgawdi l-isport stess għax l-għaqdiet sportivi se jkunu jistgħu jinvestu fil-faċilitajiet sportivi. 
F’Jannar li ġej dawk l-għaqdiet sportivi interessati jistgħu jgħaddu l-applikazzjonijiet tagħhom lill-Kummissjoni sabiex issir evalwazzjoni tal-proposti tagħhom. 
L-applikazzjonijiet għandhom jinkludu l-pjanti kif ukoll il-business plans kollha sabiex jispjegaw kif dawn għandhom ħsieb jikkumerċjalizzaw il-faċilitajiet tagħhom. L-applikazzjonijiet għandhom jiddikjaraw min huma l-investituri li se jkunu qegħdin jidħlu għall-proġett. Dan għandu jkun akkumpanjat minn eżerċizzju ta’ due diligence.
Ritratt: DOI – Pierre Sammut