Tinħatar Chairperson tal-Bord tal-akkomodazzjoni affordabbli

Deskritta bħala persuna bi kwalifiċi akkademiċi eċċellenti u li ddistingwiet ruħha bħala persuna li dejjem kellha lat prattiku għal xogħolha, Dr Mary Grace Vella inħatret bħala chairperson tal-bord għall-akkomodazzjoni affordabbli.

Il-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali ħabbar din il-ħatra fi stqarrija fejn qal li Dr Vella se tkompli fuq il-ħidma imprezzabbli li wettaq f’dan il-bord Joe Bartolo.

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes qal Dr Vella hija persuna kompetenti li l-profil tagħha jirrifletti d-direzzjoni li jrid jagħti l-Gvern biex jindirizza l-isfidi tal-housing f’Malta. Huwa qal li dan qed isir biex b’mod prattiku nifhmu r-realtajiet ta’ faxex differenti fis-soċjetà filwaqt li jiġu applikati ir-riċerka u l-istudji fid-deċiżjonijiet li jittieħdu.

Żied jgħid li Dr Vella se tkun qed taħdem id f’id mal-ministeru biex it-tielet settur ta’ housing, l-akkomodazzjoni affordabbli, iħalli l-frott mixtieq għall-benefiċċju tal-familji.

Bijografija

Dr Mary Grace Vella bdiet il-karriera tagħha fis-settur pubbliku bħala uffiċjal tal-probation mas-Servizzi Korrettivi u serviet bħala uffiċjal tal-inklużjoni soċjali fi ħdan il-Ministeru tal-Politika Soċjali. Fil-preżent tgħallem fid-Dipartiment tal-Oqsma tal-Għerf fil-Ġ.F Abela Junior College u hi wkoll lettur-viżitatur fil-Fakultà tal-Arti u fil-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà fl-Università ta’ Malta.

Tikkontribwixxi wkoll fiċ-Ċentru tal-Istudji dwar ix-Xogħol u toffri konsulenza fuq livell tekniku fil-qasam tal-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali lill-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali. Dr Vella ilha snin twal attiva fil-Moviment Graffitti u f’għaqdiet oħra mhux governattivi li jissieltu għal aktar ġustizzja soċjali u protezzjoni ambjentali u tifforma parti mill-Osservatorju Nazzjonali ta’ Għajxien b’Dinjità fi ħdan il-Fondazzjoni ta’ Malta għall-Ġid tas-Soċjetà.

Dr Vella gradwat fl-1998 b’Baċellerat fil-Psikoloġija fejn sussegwentament kisbet diploma fis-Servizzi tal-Probation u kwalifiċi fil-livell ta’ Masters fis-Soċjoloġija fid-Drittijiet Umani u d-Demokratizzazzjoni. Fl-2013 kisbet Dottorat fix-Xjenza Politika fi ħdan id-Dipartiment tas-Soċjoloġija fl-Università ta’ Malta.