Tinħareġ proklama lil George Farrugia

Il-President ta’ Malta ħareġ proklama lil George Farrugia b’rabta mal-investigazzjonijiet li qed isiru mill-Pulizija dwar xiri ta’ fuel. Il-Kabinett laqa’ l-parir tal-Kummissarju tal-Pulizija u tal-Avukat Ġenerali wara li s-Sur Farrugia informa lill-Kummissarju tal-Pulizija li huwa kien lest jagħti informazzjoni jekk jingħata l-maħfra.

Il-Proklama qed tingħata taħt xi kundizzjonijiet:

•il-maħfra tgħodd biss għal reati marbuta mal-allegazzjonijiet dwar xiri ta’ fuel li setgħu seħħew qabel ma ngħatat il-maħfra;
•il-persuna li qed tingħata l-maħfra trid tgħid il-verità kollha u xejn inqas mill-verità fl-investigazzjonijiet tal-Pulizija, f’kull Qorti u fi kwalunkwe inkjesta li tista’ ssir f’rabta max-xiri ta’ fuel;
•li l-persuna li qed tingħata l-maħfra titlef u tgħaddi lill-Gvern kull flus, propjetà u kull qliegħ ieħor mir-reati marbuta mal-allegazzjonijiet dwar xiri ta’ fuel. Għalhekk fi żmien ħamest ijiem is-Sur Farrugia jrid igħaddi akkont ta’ €250,000 lill-Gvern. Jekk eventwalment jirriżulta li kien hemm aktar qliegħ ġej mir-reati marbuta mal-allegazzjonijiet dwar xiri ta’ fuel, dan għandu jiġi mgħoddi kollu lill-Gvern.

Il-Proklama tistipola bl-aktar mod ċar li jekk is-Sur George Farrugia ma jgħidx il-verità kollha u xejn inqas mill-verità jew ma jgħaddix il-qliegħ kollu mir-reati marbuta mal-allegazzjonijiet dwar xiri ta’ fuel, il-proklama tkun awtomatikament irtirata daqs li kieku qatt ma saret.