Tinħareġ l-ewwel liċenzja Maltija għall-produzzjoni tal-kannabis mediċinali

L-Awtorità Maltija għall-Mediċina approvat u ħarġet l-ewwel liċenzja relatata mal-produzzjoni tal-kannabis mediċinali lill-kumpanija Kanadiża Aphria.

Aphria mistennija tibda billi tipproċessa fjuri mnixxfin tal-kannabis li se jkunu kkultivati ġewwa l-Kanada.

Fi stqarrija, il-Gvern qal li dan kien milestone importanti għall-iżvilupp tal-kannabis mediċinali. Qal ukoll li dan il-proġett  kien possibbli permezz ta’ proċess rigoruż ta’ due diligence immexxi mill-Awtorità għall-Mediċina u l-Malta Enterprise. L-awtorità għamlet spezzjonijiet f’Malta kif ukoll fil-faċilitajiet ta’ Aphria ġewwa l-Kanadà.

Is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista qal li l-proċess ta’ liċenzjar ħa madwar sentejn, u li dan se jiggarantixxi li dan il-prodott huwa tal-ogħla kwalita’ sabiex Malta tkun leader f’dan il-qasam.

 “Qed inħarsu lejn dawn il-proġetti minn żewġ aspetti: Mil-lat ekonomiku u l-kontribuzzjoni ta’ investiment dirett barrani li se jwassal għal ħolqien ta’ aktar xogħol; u li niżguraw li prodotti manifatturati f’Malta jkunu tal-aqwa kwalità biex b’hekk pajjiżna jkun leader globali f’dan il-qasam ukoll,” żiedet tgħid il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli.

Bħalissa, l-Awtorità għall-Mediċina għaddejja bil-proċess ta’ liċenzjar ta’ numru ta’ kumpaniji oħra li qegħdin fil-proċess ta’ evalwazzjoni biex tinħarġilhom liċenzja għall-produzzjoni lokali tal-kannabis għal użu mediċinali. Għandha wkoll tkompli b’ħidma ta’ monitoraġġ biex jiġi assigurat li l-prattiċi, l-istandards u r-regolamenti applikabbli f’dan is-settur jiġu mħarsa u l-pazjent jibqa’ fiċ-ċentru ta’ kull attività.