Tinħareġ edizzjoni speċjali tar-rivista Il-Ħajja f’Għawdex

Read in English.

Id-Djoċesi ta’ Għawdex ħarġet edizzjoni speċjali tar-rivista Il-Ħajja f’Għawdex, li tiffoka fuq l-Isqof Għawdxi l-ġdid Mons. Anton Teuma u l-Isqof Mario Grech li issa beda l-irwol tiegħu fil-Vatikan.

L-aħħar ħarġa ta’ Il-Ħajja f’Għawdex hi edizzjoni speċjali ta’ tifkira tal-ħatra u l-inawgurazzjoni tal-Isqof il-ġdid ta’ Għawdex Anton Teuma, tislima lill-predeċessur tiegħu l-Isqof Mons. Mario Grech li issa telaq lejn Ruma biex jieħu l-irwol ta’ Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet fil-Vatikan.

Ħafna mill-kontenut illustrat ikopri bosta aspetti fil-ħajja u l-ħidma taż-żewġ isqfijiet, fost l-oħrajn l-isfond familjari tagħhom, l-edukazzjoni, u l-karigi preċedenti li kellhom fid-Djoċesi. Wieħed jaqra wkoll artikli dwar iż-żewġ isqfijiet minn persuni li ħadmu qrib tagħhom f’diversi kuntesti.

Kitbiet oħra huma dwar l-ewwel anniversarju mill-mewt ta’ ‘Missier il-Ktieb Malti’, jiġifieri Pawlu Mizzi, u dwar il-lingwista u kittieb Ninu Cremona, b’appell għaż-żamma aħjar tal-qabar tiegħu fiċ-ċimiterju lokali. Artikli oħra jesploraw il-kult ta’ San Ġużepp fil-gżira, u r-rabta bejn il-Knisja u l-isport.

Jekk m’intix abbonat/a u tixtieq tiżgura l-kopja tiegħek ta’ din il-ħarġa speċjali, ibgħat email lil ilhajjafghawdex@gozodiocese.org, jew segwi l-paġna Il-Ħajja f’Għawdex fuq Facebook.