“Bil-programm ta’ ċittadinanza b’investiment jistgħu jinħaslu l-flus” – OECD

L-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp (OECD) temmen li l-programmi ta’ ċittadinanza b’investiment jistgħu joffru opportunità għal min irid jevadi t-taxxa u jaħsel il-flus.
Din l-istqarrija l-OECD qalitha f’dokument ta’ konsultazzjoni ta’ 7 paġni li ppubblikat nhar it-Tnejn li għaddew, dwar l-użu skorrett ta’ dawn l-iskemi ta’ investiment bis-saħħa tax-xiri tal-passaporti.
L-organizzazzjoni rrimarkat li dawn it-tip ta’ skemi qed kulma jmur isiru aktar popolari f’partijiet diversi tad-dinja, iżda jistgħu jkunu fraġli f’dak li għandu x’jaqsam mal-iċċekkjar u l-iskrutinju tal-persuni li jixtru l-passaport.
Hu hawnhekk li l-OECD wissiet li l-awtoritajiet u l-gvernijiet għandhom joqogħdu l-aktar attenti, għax min jixtri l-passaport jista’ jkun diġà għandu f’moħħu mezzi kif jiskappa minn dan l-iskrutinju.
Din l-għaqda hi bbażata f’Pariġi, u xogħolha jagħfas l-aktar appuntu fuq il-kriterji ta’ skrutinju, u qed tmexxi moviment sabiex l-informazzjoni tkun awtomatikament pubblika, il-Common Reporting Standard (CRS).
Hu għalhekk li diġà laħqet ftehim ma’ 98 pajjiż, fosthom Malta, sabiex dawn jaqsmu ma’ xulxin informazzjoni relevanti dwar it-taxxa.
Il-grupp jagħti eżempju ta’ meta jista’ jkun hemm informazzjoni mhux sħiħa dwar il-persuna li tkun xtrat il-passaport, u allura dan jimmina l-proċess tas-CRS.
Qalet li fost oħrajn dan jista’ jseħħ meta x-xerrej ma jkunx jgħix fil-pajjiż li minnu xtara ċ-ċittadinanza, iżda jkun iddikjara ruħu bħala resident hemmhekk għal finijiet ta’ taxxa, u jagħti l-informazzjoni mitluba, ngħidu aħna ċ-ċertifikat ta’ residenza, il-karta ta’ identifikazzjoni u l-passaport.
B’hekk dil-persuna tkun tidher li toqgħod fil-pajjiż, imma ma tkunx fil-verità.
Ir-rapport jiddeskrivi l-iskema ta’ ċittadinanza b’investiment ta’ Malta bħala waħda stabbilita, flimkien ma’ dawk tar-Renju Unit, l-Istati Uniti, Franza, il-Ġermanja u l-Awstralja, fost oħrajn.
Il-konsultazzjoni tal-OECD tagħlaq fid-19 ta' Marzu.