Tingħata tislima lil Frederick Azzopardi fil-Parlament

Facebook / Frederick Azzopardi

F’seduta speċjali fil-Parlament id-deputat Frederick Azzopardi ngħata tislima mill-membri parlamentari. Frederick Azzopardi ngħata l-aħħar tislima lbieraħ fil-Knisja tax-Xewkija.

Bosta membri parlamentari ddiskrivew lil Azzopardi bħala persuna maħbuba u umli. Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne qal li trid tkun maħbub biex tkun elett ħames darbiet wara xulxin. Qal ukoll li Azzopardi kien bniedem ġentlom u kien hemm diversi okkażjonijiet bejn bl-intervent tiegħu wasal biex ikun hemm qbil f’ċerta kwistjonijiet.

Min-naħa tiegħu l-Kap tal-Oppożizzzjoni Bernard Grech qal li huwa ma jafux personalment u issa qiegħed isir jafu permezz ta’ sħabu. Il-Viċi-Kap tal-Oppożizzjoni għall-Ħidma fil-Parlament David Agius fil-kummenti tiegħu qal li Frederick Azzopardi kien raġel fuq l-irġiel u ġentlom ta’ vera. L-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia spjega kif Azzopardi kien jgħaddi l-messaġġ tiegħu fil-kwiet u mingħajr ħafna għajjat.

Fil-kumment tiegħu l-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia qal li Azzopardi kien bniedem li kellu kariżma kbira u kien bniedem ta’ valuri u kellu għall-qalbu l-familja.

Preżenti għal din it-tislima fil-Parlament kien hemm il-familja ta’ Frederick Azzopardi.

Frederick Azzopardi miet fis-17 ta’ Ottubru fl-età ta’ 71 sena.