Tingħata l-Quality Award lis-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm

Il-ġimgħa li għaddiet, waqt il-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku, Is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm irċieva l-Quality Award mill-E.T. Il-President ta’ Malta, Dott. George Vella għan-nom tal-Istat Malti. Dan ir-rikonoxximent prestiġjuż, irrakkomandat lilna mill-People and Standards Division fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, ingħatalna fuq bażi ta’ kemm aħna noffru servizz ta’ kwalità lill-klijienti, fil-każ tagħna, lid-donaturi tad-demm, lir-riċevituri tad-demm fl-isptarijiet, kif ukoll lill-pubbliku nġenerali li jrid informazzjoni dwar l-għoti tad-demm.

Bla dubju ta’ xejn dan ir-rikonoxximent ser jimlina b’iktar ħeġġa biex inkomplu naħdmu bla heda u nkomplu nagħtu servizz ta’ kwalità, anzi, intejbuh aktar, b’hekk iktar nies jersqu lejna b’fiduċja u flimkien nipprovdu demm għat-trasfużjoni lill-pazjenti fl-isptarijiet tal-gżejjer Maltin.

Intant dawk li jixtiequ jifirħu magħna u jagħtu d-demm għandhom jersqu:

  • fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ Gwardamanġa li jiftaħ kuljum 7 ijiem fil-ġimgħa (inkluż fil-festi pubbliċi) mit-8:00am sas-6:00pm.  
  • fil-mobile blood donation unit li nhar il-Ħadd 4 t’Ottubru ser ikun fil-pjazza ta’ quddiem il-Knisja parrokkjali tal-Mellieħa. Il-ħin disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm ser ikun mit-8:30am sas-1:00pm.
  • fil-Berġa tax-Xewkija li nhar It-Tlieta 6 ta’ Ottubru ser tkun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mis-1:00pm sal-5:00pm.

Huwa importanti li wieħed iġib il-Karta tal-Identità, jew il-Liċenzja tas-Sewqan jew Passaport Malti, u possibbilment iħajjar lil ħaddieħor jagħti d-demm ukoll.

Noti importanti!

  • Minħabba l-imxija tal-COVID-19 qed jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiġi protett kulmin jersaq biex jagħti d-demm, kif ukoll il-professjonisti tas-Servizz. 
  • Kulmin ser jersaq biex jagħmel it-test, jew qed jistenna r-riżultat tal-coronavirus ma jkunx jista’ jitħalla jagħti demm għal perjodu temporanju. 
  • Għal min jixtieq (anke jekk ma jkunx ser jagħti demm) waqt is-sessjoni ta’ għoti tad-demm fil-Mellieħa ser ikun hemm studenti tal-mediċina jkejlu l-livell taz-zokkor fid-demm u BMI.

Dan it-tagħrif twassal min-National Blood Transfusion Service Malta.